Safar bit-tfal


Trabi

Peress li t-tarbija għandha riskju akbar ta’ infezzjonijiet, l-aħjar li ma ssifrux għal btala qabel tkun ħadet l-ewwel tilqim, jiġifieri sakemm ikollha 4 xhur. Mhux biss, jekk tarbija timrad ta' età żgħira jkollha ċans akbar tiddaħħal l-isptar għall-kura.

Tilqim Speċjali

Jekk se ssifru barra mill-Ewropa tal-Punent jista’ jkollkom bżonn tilqim speċjali (bħal typhoid, hepatitis u yellow fever) jew mediċina għall-privenzzjoni tal-malarja. Aħseb minn xhur qabel u staqsi fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana (21243314).

It-Titjira

It-tfal jista' jħossu xi wġigħ f'widnejnhom minħabba bidla fil-pressjoni tal-arja, l-aktar matul it-tlugħ u l-inżul tal-ajruplan. Redda’ lit-tarbija, agħtiha tixrob jew gażaża. Jekk it-tarbija tkun rieqda tqajjimhiex. Tfal akbar jistgħu isoffu ħelwa jew jomgħodu chewing gum. Ħudu magħkom xi snacks, toy favorit u crayons biex ikollhom x’jagħmlu matul it-titjira u ma jiddejqux.

Travel Sickness

Waqt vjaġġi fit-tul bil-karozza, bus, vapur, katamaran jew tren, it-tfal jistgħu jħossuhom mdardrin jew storduti, u jistgħu jirremmettu. Ara li t-tfal ipoġġu fid-direzzjoni tas-sewqan (mhux iħarsu lura), iftaħ it-tieqa biex tgħaddi l-arja friska, xarrab wiċċhom, agħtihom snack (cracker), u għid lit-tfal kbar iħarsu l-barra mit-tieqa u ma joqgħodux iħarsu lejn xi mobile jew tablet. Qis li jkollok borża (vomit bag) għal-lest. Tista’ tuża Kwells (minn 10 snin) u Kwells Kids (minn 4 snin), nofs siegħa qabel it-tluq. Dawn il-pilloli jinħallu fil-ħalq.

Dehydration

Waqt is-safar hemm tendenza li niġu dehydrated minħabba li ma nixorbux biżżejjed, nieklu ikel li fih aktar melħ, u għax nimxu u neżerċitaw ruħna aktar mis-soltu. Dan iwassal għal għejja, telqa u constipation. Għalhekk tajjeb li nżommu flixkun ilma minerali fuqna u nixorbu ta' spiss.

Dijarea u Remettar

M’hemmx bżonn mediċini għar-remettar. Kompli l-ħalib tas-soltu (formula jew ħalib tal-omm). Tfal akbar jistgħu jixorbu ilma jew oral rehydrations solution. L-aħjar jixorbu f’ammonti żgħar u ta’ spiss. Meta jkollhom aptit, jistgħu jieklu xi ħaġa ħafifa. Agħti paracetamol għad-deni. Applika barrier cream biex it-tarbija ma tixxawwatx. Jekk ir-remettar jippersisti fit-tul jew ikollu kulur ħadrani, jew l-ilsien jixxotta, it-tifel jintelaq u ma jgħaddix pipì għal ħin twil, kellem tabib jew mur l-isptar.

Bħala prevenzjoni, ixorbu ilma tal-flixkun biss, u użah ukoll għall-ħasil tas-snien (mhux ilma tal-vit). Evitaw ikel mill-bejjiegħa tat-triq. Qabel l-ikel aħslu idejkom bis-sapun, wipe jew alcohol gel.

Mediċini
  • Paracetamol u Ibuprofen għad-deni jew uġigħ. 
  • Termometru digitali, pinzetta u plasters (għal xi girfa). 
  • Saline spray u decongestant nasal spray (jintuża jekk it-tfal ikunu fgati, speċjalment qabel it-titjira). 
  • Mediċini oħra (e.ż. l-inhalers tal-ażma u l-ispacer; mistura tal-allerġija; eċċ). 
  • Dioralyte sachets jew ORS, u probiotics.
  • Sunblock (SPF 50) 
  • Insect repellant u 1% hydorcortisone cream għall-gdim tan-nemus.
Il-Vjaġġ it-Tajjeb

Mal-passaport, ħudu magħkom travel insurance, u l-European Health Insurance Card (tista’ tapplika għaliha online).

Għidu lit-tfal x’għandhom jagħmlu jekk jintilfu, u agħtuhom karta miktuba fil-but bin-numru tal-mobile tal-ġenituri (jibda bil-code ta’ Malta +356), u l-isem u t-telefon tal-lukanda.

L-aħħar ħaġa… titilqux it-tfal minn taħt għajnejkom, iddevertu u l-vjaġġ it-tajjeb!