31 May 2012

Gidma ta’ Brama


Il-brama li naraw ħdejn il-gżejjer Maltin jisimha Pelagia noctiluca. Tikber sa dijametru ta’ 12-il ċentimetru. Għandha swaba (tentacles) twal bejn 10 u 30 ċentimetru, miksija b’ċelloli li jniggżu (nematocytes, jew sting-cells). Meta jmissu mal-ġilda, dawn iċ-ċelloli jitfgħu valenu li jikkawża ħmura, nefħa u uġigħ.

Naturalment wieħed m’għandux jinżel jgħum jekk ikun hemm il-bram. Madankollu, avolja ma jkunx jidher li hemm il-bram xorta waħda jista' jmissek ix-xorti li tingidem!

L-ewwel għajnuna
  1. Itla' mill-baħar.
  2. Laħlaħ il-ġerħa bl-ilma baħar (mhux bl-ilma ħelu); tħokkx il-ġilda biex ma żżidx l-infjammazzjoni.
  3. Jekk ikunu jidhru xi biċċiet, neħħihom b’pinzetta. Wara applika ftit sapun (shaving foam) u qaxxar il-ġilda permezz ta’ card (e.ż. loyalty card) biex tneħħi l-isting cells.
  4. Applika xi ħaġa kiesħa (ice pack) għal madwar 15-il minuta biex tnaqqas l-uġigħ u l-infjammazzjoni.
  5. Agħti paracetamol jekk l-uġigħ jippersisti.
M'hemmx għalfejn tuża ħall, baking soda jew surgical spirit. Ċertament ixxarrabx il-ġerħa bl-awrina.

Għajnuna medika

Fittex għajnuna medika f'dawn iċ-ċirkostanzi;
  1. Ċempel għall-ambulanza (112) jekk ikun hemm allerġija qawwija (anaphylaxis) (stordament jew nifs mgħaġġel).
  2. Kellem tabib jekk il-ġidma tkun kbira jew f'parti sensittiva (bħal wiċċ), u jekk in-nefħa, l-uġigħ u il-ħmura jiżdiedu. Jista’ jkollok bżonn xi steroid cream jew antibijotiku.