27 May 2012

Il-Kostipazzjoni fit-Tarbija

It-trabi li jixorbu l-ħalib tal-omm ġeneralment jagħmlu koko artab u ta’ spiss, għall-bidu anki kull darba li tixrob. Fil-ġimgħat ta' wara dawn it-trabi ma jibqgħux jagħmlu daqshekk ta' spiss.

Tfal li jixorbu l-ħalib tal-formula issoltu jagħmlu kokò xi darba kuljum.

Huwa normali li t-tarbija titqanzaħ, kultant għal ħinijiet twal, anki meta ma tkunx qed tipporga.

It-tarbija tkun tbati minn kostipazzjoni jekk: (1) l-ipporgar ikun iebes, u (2) it-tarbija tweġġa’ biex tagħmel koko. Ma tantx huwa importanti kemm iddum ġranet biex tipporga sakemm il-kokò jkun qisu paste.

X’tista’ tagħmel?
  • Ħu t-tarbija tintiżen, speċjalment fl-ewwel ġimgħat wara t-twelid, u jekk it-tarbija tkun breastfed. Il-kostipazzjoni tista' tkun sinjal li t-tarbija mhix tixrob kemm għandha bżonn.
  • Ipprova banju sħun u massage fiż-żaqq tat-tarbija.
  • Jekk ikun hemm bżonn uża l-bebegel jew melilax biex tistimola l-musrana. Kuntrarju għal dak li sikwit jingħad, l-użu tagħhom ma jgħażżinx il-musrana.
  • Jekk it-tarbija qed tixrob ħalib tat-trab, it-tabib jew midwife jistgħu jissuġġerulek biex taqleb għal-ħalib apposta.
Il-problema tal-kostipazzjoni ġeneralment tmur għall-aħjar meta t-tarbija tibda tiekol l-ħaxix u l-frott. Ċereali tar-ross għandhom ħabta jxiddu, u għalhekk nippreferi li l-ewwel ikel ikun ħaxix u frott. Il-larinġ, pruna, prune juice, kiwi u qarabagħli fid-dieta tat-tarbija jgħinu.

Jekk il-problema tippersisti jew tkun gravi, jew jekk tara xi demm mal-koko, kellem lit-tabib tat-tfal. Huwa importanti ħafna li ma tħallix il-problema tal-konstipazzjoni issir kronika.

Ara wkoll: Il-kostipazzjoni fit-tfal