31 May 2012

Inħarsu t-Tfal fis-Sajf

Iż-żmien sabiħ tas-sajf iġib miegħu problemi u perikli għat-tfal, speċjalment ix-xemx u l-baħar. Dawn huma ftit ħsibijiet kif nipproteġu 'l uliedna.

L-Għawn

Sfortunatament f’Malta seħħew diversi inċidenti fejn għerqu it-tfal fil-baħar u fil-pools. Għandna noqgħodu attenti biex nevitaw traċedji bħal dawn.

Meta jkunu ħdejn il-baħar jew qed jgħumu, it-tfal għandhom ikunu taħt superviżjoni kontinwa tal-ġenituri jew ta’ xi ħadd adult responsabbli. Iridu jkunu taħt għajnejk u fil-qrib biżżejjed biex f’każ ta’ diffikultà tkun tista’ tgħinhom fil-pront.  Sakemm għadhom ma jafux jgħumu sew, libbishom it-trainers minn x’ħin jaslu ħdejn il-baħar sakemm idaħħalhom lura fil-karozza.

Tgħallem kif tagħti l-ewwel għajnuna (CPR). F’Malta jsiru korsijiet qosra ta’ First Aid. Jekk tingħata fil-ħin, l-ewwel għajnuna tista’ tagħmel differenza bejn ħajja u mewt.

Għallem it-tfal jgħumu minn kmieni. Tħallix it-tfal żgħar għal ħafna ħin fl-ilma biex ma jiksħux.

Għallem tfal akbar biex ma jaqbżux għal rashom jekk ma jafux kemm hu fond il-baħar (kien hemm tfal li kissru x-xewka ta’ daharhom, baqgħu paralizzati jew mietu għax ħabtu rashom mal-blat). Il-qbiż mill-għoli (aktar mit-tul tal-persuna) jaf ikun perikoluż ukoll, avolja jekk taqbeż għas-saqajn, peress li l-impatt jista jagħmel ħsara lix-xewka tad-dahar.

Tħallix it-tfal f’indoor pools għal ħin twil minħabba ir-riħa tal-chlorine li tista’ tkun irritanti għall-pulmun. Laħlaħ lit-tfal bl-ilma tal-vit, u xxotta sewwa bejn is-swaba tas-sieq (biex tevita athelete’s foot).

Dwar il-gidma tal-brama ara hawn: link.

Infezzjoni fil-Widna

L-infezzjoni tiġri għax jidħol l-ilma baħar jew tal-pool fil-kanal tal-widna. Tgħumx f’baħar ikkontaminat jew f'pools fejn ir-riħa tal-choline hi qawwija ħafna. Tista tuża ear plugs. Is-sintomi jinkludu ħaqq u uġigħ fil-widna, u xi tisfija. L-infezzjoni tista’ titfejjaq b’taqtir ta' antibijotiku, u paracetamol jew ibuprofen għall-uġigħ.

Ix-Xemx

Ir-raġġi tax-xemx jistgħu jaħarqu l-ġilda (sunburn) u jagħmlu ħsara fit-tul (ixejħu l-ġilda u jżidu r-riskju ta’ cancer). It-tfal żgħar huma aktar fil-periklu. Applika sunblock (SPF 50) fuq il-ġilda mikxufa; kappell u ilbies ħafif; fittex id-dell u evita l-baħar bejn il-ħdax u l-erbgħa.

Is-sħana tax-xemx tista’ twassal ghal heat stroke. Din hi kundizzjoni perikoluża li tiġri meta wieħed jeżerċita ruħu żżejjed (fix-xogħol jew logħob) fis-sħana tax-xemx u għax ma jixrobx biżżejjed. It-temperatura tal-ġisem tibda’ togħla u dak li jkun iħossu għajjien ħafna, mitluq, mdardar, iħoss uġigħ ta’ żaqq u bugħawwieġ f’riġlejh. Għall-ewwel għajnuna: midd il-persuna fid-dell u għolli r-riġlejn ‘l fuq; kessaħ b’xugaman imxarrab bl-ilma u fan, jekk ikun f’sensih, agħtih jixrob ilma frisk jew sport drink. Ċempel għall-ambulanza jekk jibqa’ ħażin.

In-Nemus

Għall-prevenzjoni, uża insect repellent cream/spray fuq il-ġilda; fil-kamra tas-sodda waħħal insect repellant (likwidu, jaħdem bl-elettriku – mhux dawk li suppost jaħdmu bil-ħoss, li m’humiex effettivi). Waħħal insect screens fid-dar u tħallix ilma qiegħed. F’każ ta’ gidma, aħsel bl-ilma u s-sapun; tista’ tapplika 1% hydrocortisone cream. Aktar tagħrif, ara hawn: link.