Il-Kura tal-Irjieħat fit-Tfal



  • L-irjieħat huma kkawżati minn viruses. M’hemmx bżonn antibiotiċi għall-irjieħat – taħlix flus għal xejn, evita s-side effects, u toħloqx mikorbi reżistenti!
  • Il-ġisem ifejjaq lilu nnifsu imma nistgħu ngħinu lit-tfal billi intaffu s-sintomi u jħossuhom ftit aħjar.
  • Zomm f'moħħok li is-sogħla ddum madwar ġimgħa jew tnejn biex tgħaddi, u m'hemmx għalfejn tibqa' tieħu l-mediċini sakemm tieqaf għal kollox. Mhux l-ewwel darba li t-tfal żgħar jieħdu riħ ieħor f'dan il-perjodu, u s-sintomi jkomplu aktar fit-tul.
  • Għall-imnifsejn fgati: fit-trabi uża sprej tas-saline u iġbed il-flissjoi b’pompa apposta. Għal tfal akbar, minbarra s-saline, uża decongestant sprej tat-tfal, speċjalment qabel l-irqad, għal ftit ġranet biss. Għallimhom u nkoraġġihom jissofjaw sewwa. Għolli s-saqqu jew uża mħadda (minn sena 'l fuq) biex ir-ras tkun fl-għoli. Vapour patch (mwaħħla mal-flokk jew vest minn ġewwa) jew vapour rub (midluk fuq is-sider, imma mhux ħdejn ll-imnifsejn) qabel l-irqad jgħinu wkoll. Ara li r-rub ikun jgħodd għall-età tat-tfal tiegħek.
  • Is-sogħla huwa l-mezz biex il-ġisem jeħles mill-katarru fil-pajpijiet tan-nifs. Il-mistura tas-sogħla li jiktiblek it-tabib tgħinhom. Ftit għasel bil-misħun u lumi filgħaxija tikkalma s-sogħla bil-lejl.
  • Tużax mistura għas-sogħla fit-tfal żgħar mingħajr il-parir tat-tabib. Kultant it-tfal jitħeddlu, jitħawwdu jew isiru aggressivi b'dawn il-mediċini. F'dak il-każ terġax tuża dik il-mediċina partikolari.
  • Ħalli t-tfal jistrieħu imma mhux bilfors fis-sodda, u evita ġiri żejjed barra d-dar.
  • It-tfal morda jitilful xi ftit l-aptit. Meta jgħaddilhom il-mard, l-aptit jiġi lura waħdu. Waqt li jkunu morda offrilhom jixorbu ilma, ħalib, meraq tal-larinġ, jogurt, brodu u xorb ieħor biex ma jixxottawx. Jekk ma jieklux wisq ma jimportax.
  • Tibgħatx it-tfal l-iskola meta ma jkunux jifilħu biex b'hekk ifiequ aktar malajr u ma jgħaddux il-mard lill-għalliema u tfal oħra.
  • Iċċekkja għad-deni b’termometru diġitali billi żżommu sod taħt l-apt (armpit). Id-deni jibda minn 37.5C/99.5F.
  • Il-paracetamol u l-ibuprofen jistgħu jintużaw jekk it-tfal ikun mdejjqin bid-deni jew uġigħ. Iċċekkja d-doża miktuba fuq il-kaxxa. Il-paracetamol jista’ jingħata sa 4 darbiet f’24 siegħa. Dawwar is-suppożitorju bejn subgħajk għal ftit ħin biex jirtab qabel iddeffsu fil-patata (tużax vaselina).
  • Żomm il-mistura fil-friġġ meta tiftaħha. Ferra' l-mistura mill-flixkun għal ġol-kuċċarina, iddaħħal xejn fil-flixkun biex ma tikkontaminax il-mediċina.
  • Kellem it-tabib jekk: (1) ikun hemm deni għoli (39C/102F) jew jippersisti diversi ġranet, (2) uġigħ, ħafna biki jew qerda, (3) raxx li ma jiċċarax meta tagħfsu, (4) nifs mgħaġġel jew nifs batut, (5) dehydration (inaqqsu ħafna mix-xorb, rimettar u dijareja, telqa kbira, u nuqqas ta' pipì); (6) jekk tħossok inkwetata jew tara li t-tifel jew it-tifla sejrin għall-agħar.
  • Ikkonsulta mat-tabib jekk tarbija taħt sena ma tkunx tiflaħ u jkollha d-deni. Tarbija li għandha sa tlett xhur, u jkollha d-deni, għandha tittieħed l-isptar mill-ewwel.
Ara wkoll: