Id-deni fit-tfal


Fil-Qosor
  • Ħu t-temperatura taħt id-driegħ (armpit) b'termometru diġitali.
  • Id-deni jibda minn 37.5°C (99.5°F). 
  • Uża pararcetamol jew ibuprofen jekk it-tifla jew it-tifel ikun mdejjaq bid-deni jew uġigħ.
  • Offri ilma u xorb ieħor ta' spiss biex ma jixxottax.
  • Ixxarrabux biex tniżżel id-deni. Libbsu ħwejjeġ komdi.
  • Kellem tabib meta jkun hemm id-deni: (1) fit-trabi taħt sena; (2) fit-tfal jekk ikunu jidhru morda jew ma jifilħux jew ikollhom xi sintomi (sogħla, uġigħ, nifs mgħaġġel, telqa, rimettar, raxx fil-ġilda, eċċ). Trabi anqas minn 3 xhur bid-deni għandhom jittieħdu l-isptar mill-ewwel.
Id-Deni

Il-ġisem iżomm it-temperatura stabbli, madwar 36-37˚C, tkun xi tkun it-temperatura fl-ambjent. Meta t-temperatura togħla 'l fuq minn normali jfisser li hemm: (1) infezzjoni; (2) reazzjoni għat-tilqima; jew (3) it-tarbija tkun xotta jew msaħħna żżejjed.

Waqt li jkun tiela’ d-deni, it-tifel iħoss tkexkix ta’ bard u t-truf t’idejh ikun kesħin. Wara xi ħin it-tifel jinħass sħun, jiħmar u jista' jixxarrab bil-għaraq.

It-Termometru

It-termometru diġitali li fl-armpit huwa l-aħjar għażla għax hu preċiż u faċli biex taqrah.

Jekk tagħżel termometru elettroniku li jieħu t-temperatura minn fuq il-moħħ (temporal artery) jew mill-widna (tympanic membrane), aqra sewwa l-istruzzjonijiet li jiġu mal-prodott, u ipprattika l-użu tiegħu biex titgħallem tużah tajjeb.

Kif Tieħu t-Temperatura

Agħfas il-buttuna; poġġi t-tarf tat-termometru f'nofs l-armpit imiss dirett mal-ġilda; iġbed id-driegħ 'il ġewwa u żomm it-termometru sod; stenna sakemm idoqq. Aqra t-temperatura kif tiġi, mingħajr ma żżid jew tnaqqas xejn.

Temperatura anqas minn 37.5˚C (99.5˚F) hija normali; ogħla minn 37.5˚C (99.5˚F) tfisser deni.

Kif Tikkontrolla d-Deni

It-tfal żgħar jittolleraw id-deni u għalhekk m’hemmx bżonn li dejjem tagħti l-mediċini għad-deni. Id-deni jgħin biex il-ġisem jiġġieled l-infezzjoni. Jekk it-tifel ikun skomdu, tajjeb li tagħti paracetamol, ibuprofen jew diclofenac biex iħossu aħjar. Huwa importanti li tagħti d-doża korretta. Il-paracetamol jista’ jingħata kull 4 sigħat, skond il-bżonn, sa massimu ta’ erba’ darbiet f’24 siegħa.

Tużax biċċa niedja (‘tepid sponging’) jew banju biex tniżżel id-deni. Ara li t-tifel ikun liebes u mgħotti komdu. Żomm it-temperatura tal-kamra komda, imma mhux kiesħa.

Bid-deni nitilfu ħafna ilma fl-għaraq u man-nifs. Għalhekk agħtih jixrob ilma, ħalib, jogurt, brodu jew jelly biex ma jixxottax. Tisforzaħx jiekol. Huwa normali li meta jkunu morda, it-tfal jieklu anqas mis-soltu.

Tfal morda għandhom jistrieħu imma mhux bil-fors fis-sodda. Ġeneralment it-tfal jistgħu jirritornaw l-iskola wara li jkun niżel id-deni u ma jkollhom ebda sintomi għal 24 siegħa.

Meta Tkellem it-Tabib

Id-deni għoli mhux dejjem jindika infezzjoni serja; mill-banda l-oħra infezzjoni serja mhux dejjem timmanifesta ruħha b’deni għoli. Għalhekk huwa importanti li tagħti każ tal-kundizzjoni ġenerali tat-tifel u sintomi oħra. Staqsi lilek nnifsek: it-tifel għadu jilgħab, żvelt, jitbissem u jidħak, speċjalment x’ħin ma jkollux deni? Jew jidher imdejjaq, mgħaxxex jew miġugħ? Qiegħed ibati biex jieħu n-nifs jew in-nifs mgħaġġel?

Fittex għajnuna medika f’dawn iċ-ċirkostanzi:
  • Deni f’tarbija mit-twelid sakemm ikollha tlett xhur, avolja t-tarbija ma tkunx tidher marida.
  • Deni f’tarbija taħt is-sena jekk tkun tidher ma tiflaħx.
  • Fit-tfal ta’ kull età, jekk id-deni jibqa’ jippersisti aktar minn 3 ijiem.
  • Ikun hemm sintomi bħal nifs mgħaġġel jew nifs batut, biki kontinwu, telqa jew ħedla kbira, raxx bħal tbenġil (li ma jiċċarax meta tagħfas tazza tal-ħġieġ fuqu), uġigħ fil-griżmejn jew widnejn, aċċessjoni u rimettar jew dijareja frekwenti.
Kellem tabib jekk tħossok inkwetata u jekk il-kundizzjoni tmur għall-agħar anki jekk qabel kien diġa’ rah tabib.

L-Aċċessjoni tad-Deni

Tfal minn 6 xhur sa 5 snin, speċjalment it-toddlers, jista’ jagħtihom aċċessjoni bid-deni. It-tifel jintilef minn sensieh, jibbies, xofftejh jikħalu, u wara ftit jibda’ jagħti b’idejh u saqajh. L-aċċessjoni ddum ftit minuti u ħafna drabi t-tifel jorqod wara li tgħaddi bla ebda konsegwenzi.

F’każ ta’ aċċessjoni, ibqa’ kalm, innota x’ħin bdiet, oqgħod ħdejn it-tifel u ara li ma jaqax jew jaħbat ma x’imkien u jweġġa’. Ixxarbux, tagħtix mediċini, tipprovax twaqqaf iċ-ċaqliq jew tqiegħed subgħajk jew xi oġġett f’ħalqu. Meta tieqaf l-aċċessjoni qiegħed it-tifel fuq ġenbu u għamillu suppożitorju tad-deni. Wara l-aċċessjoni kellem tabib biex jeżamina t-tifel u jara minn fejn ġej id-deni.

Jekk l-aċċessjoni ddum aktar minn 10 minuti, ċempel 112 u staqsi għall-ambulanza. Tieħux it-tifel l-isptar fil-karozza privata.