Drawwiet tajbin tal-ikel għat-tarbija

1. Għall-bidu l-purè għandu jkun fin u artab, imma aktar tard ħallieħ aktar magħqud u b’biċċiet fih. Bejn 8 u 10 xhur waqqaf il-purè u ibda għaffeġ l-ikel b’furketta u qattgħu f’biċċiet żgħar. Fl-istess żmien introduċi finger foods.

2. Wara li tkun bdejt bil-ħaxix u l-frott, introduċi kull tip ta’ ikel inkluż laħam, ħut, pulses, bajd, jogurt, ġobon, pasta, ross u ħobż. Kemm jista’ jkun agħti lit-tarbija tiekol mill-ikel tal-familja, basta jkun mgħaffeġ jew imqatta’ żgħir.

3. It-tarbija mhux bilfors taċċetta ikel ġdid mill-ewwel. Tista’ tkerraħ wiċċha jew tobżqu – dan ma jfissirx “ma nħobbux” imma “din togħma ġdida”. Għalhekk erġa’ offri l-istess ikel fil-ġranet u ġimgħat ta’ wara sakemm tidhrah; kultant ikun hemm bżonn toffrih xi għaxar darbiet jew aktar qabel taċċettah.

4. Ħalli t-tarbija tmiss, tbabas u tilgħab bl-ikel. Dan huwa importanti biex it-tarbija tibni “relazzjoni tajba” mal-ikel, u eventwalment titgħallem titma' lilha nnifisha.

5. It-tarbija għandha tkun madwar il-mejda tal-ikel mal-bqija tal-familja. Minbarra li t-tarbija titgħallem billi tosserva l-adulti jieklu, dan il-ħin huwa wkoll importanti għall-iżvilupp soċjali tagħha.

6. Tużax it-television, mobiles jew toys biex taljena lit-tarbija waqt li qed ‘tbellgħalha’ l-ikel bla ma taf! Meta titlef l-interess fl-ikel tibqax tipprova tagħtiha aktar.

7. Il-ġenituri għandhom ir-responsabilità li jipprovdu ikel bnin, f’porzjonijet żgħar, mqatta' żgħir, u preżentat sabiħ; it-tarbija għandha d-dritt tagħżel jekk tiekolx u kemm tiekol minnu. Meta turi li xebgħet, ieqaf hemm. Tisforzahiex! Tħallix il-ħin tal-ikel jinbidel f’tensjoni u pika. Jekk ma tiekolx, toffrix alternattiva. Tibżax – mhux se tmut bil-ġuħ. Meta jerġa’ jasal ħin ta’ snack jew tal-ikel, tkun ftit aktar bil-ġuħ u tiekol aktar.

8. Ara li bħala familja tieklu ikel bnin u nutrittiv, u evitaw junk food, ħlewwiet u luminati. Fl-aħħar mill-aħħar it-tarbija tikber u taddotta l-istess drawwiet – tajbin jew ħżiena – tal-familja tiegħek.