Kif Tuża l-Inhaler

L-inhaler fih mediċina li toħroġ f’forma ta’ spray (‘puff’). L-inhaler m’għandux jitqiegħed direttament fil-ħalq imma għandu jintuża dejjem flimkien ma’ spacer biex iwassal il-mediċina fil-pulmun u b’hekk ikun hemm anqas side effects u l-mediċina tkun ħafna aktar effettiva.

MEDIĊINI

Hemm żewġ tipi ta’ mediċina li jintużaw fi tfal bis-sogħla, wheezing u qtugħ ta’ nifs:

1. Ir-reliever, l-inhaler il-blù (salbutamol), jintuża biex iserraħ lit-tifel mis-sintomi tas-sogħla, qtugħ ta’ nifs u tisfir fis-sider (‘wheezing’).

2. Il-preventer, l-inhaler tal-isteroid, jservi bħala prevenzjoni, biex ibiegħed l-attakki u jnaqqas il-gravita' tagħhom. Dan għandu jintuża kuljum anki meta ma jkunx hemm sintomi.

SPACER

Għat-tfal żgħar l-ispacer irid ikollu facemask li tgħatti l-ħalq, il-geddum u l-imniffsejn. Tfal akbar u adoloxxenti jistgħu jużaw spacer b'mouthpiece biss.

Aħsel l-ispacer bl-ilma u s-sapun tal-platti darba fix-xahar. Tixxottaħx. Ħallih joqtor sakemm jinxef.

KIF TAGĦTI L-'PUFFS'

Trabi u Tfal Żgħar
  1. Ħawwad l-inhaler sew.
  2. Neħħi t-tapp u daħħal l-inhaler fl-ispacer.
  3. Qiegħed il-facemask mal-wiċċ biex tgħatti l-ħalq u l-imnifsejn; ara li hemm siġill tajjeb bejn il-maskla u l-wiċċ.
  4. Agħfas l-inhaler biex titfa’ puff waħda fl-ispacer.
  5. Stenna madwar għaxar sekondi sakemm it-tifel jew tifla jieħdu diversi nifsijiet mill-ispacer.
  6. Jekk suppost tagħti żewġ puffs, irrepeti 4 u 5.
  7. L-inhaler jista’ jibqa’ mqabbad mal-inhaler (imma tinsiex tħawwad l-inhaler kull meta tużah).
Tfal Kbar u Adoloxxenti
  1. Ħawwad l-inhaler sew.
  2. Neħħi t-tapp u daħħal l-inhaler fl-ispacer.
  3. Żomm tajjeb il-mouthpiece bejn xofftejk.
  4. Agħfas l-inhaler biex titfa’ puff waħda fl-ispacer.
  5. Ħu tlett nifsijiet bil-mod u fil-fond.
  6. Jekk suppost tieħu żewġ puffs, erġa’ agħfas l-inhaler u ħu tlett nifsijiet oħra.
  7. Laħlaħ ħalqek bi ftit ilma.
  8. L-inhaler jista’ jibqa’ mqabbad mal-inhaler (imma tinsiex tħawwad l-inhaler kull meta tużah). 
Ara wkoll: L-Ażma u Wheezing fit-Tfal