Is-suffejra f'tarbija tat-twelid

Is-suffejra ('jaundice') tidher bħala sfurija fil-ġilda u fl-għajnejn, u tiġi minħabba sustanza msejħa ‘bilirubin’. Il-bilirubin jiġi miċ-ċelloli ħomor tad-demm.

Is-sufferjra hi komuni ħafna fl-ewwel ġranet tal-ħajja, u din titlaq weħidha fi ftit jiem meta l-fwied tat-tarbija jimmatura u jeħles mill-bilirubin fil-musrana.

Ħafna drabi ma jkunx hemm bżonn kura speċjali, imma jekk il-livell ta' bilirubin ikun għoli nuzaw il-phototherapy (it-tarbija titqiegħed mneżża' taħt dawl blù). Din il-kura hi meħtieġa biex inħarsu l-moħħ tat-tarbija minn ħsara.

Ladarba t-tarbija tintbgħat id-dar, raqqadha f'kamra mudlama u ara li qed tixrob biżżejjed. Illum m'għadniex nagħtu l-parir biex it-tarbija titqiegħed fid-dawl tax-xemx. (Id-dawl li jgħaddi mill-ħġieġ mhux effettiv. Barra minn hekk it-tarbija tkun imlibbsa. Id-dawl itellef it-tarbija mill-irqad.)

Xi trabi li jkunu jixorbu l-ħalib tal-omm jibqgħu bis-suffejra għal diversi ġimgħat. Din tissejjaħ 'breast milk jaundice' u hija meqjusa bħala normali, u mhix raġuni biex twaqqaf il-breastfeeding jew li żżid ħalib tal-formula.

Meta għandek tkellem lit-tabib:
  • Is-suffejra ddum aktar minn ġimgħatejn mit-twelid. 
  • It-tarbija tidher marida, mitluqa jew ma tixrobx sewwa. 
  • It-tarbija jkollha id-deni (aktar minn 37.5C jew 99.5F). 
  • Il-kokò jkollu kulur bajdani (normalment il-koko jkun isfar bħal mustarda jew ħadrani). 
  • It-tarbija mhix tixrob biżżejjed (anqas minn 6 ħrieqi mxarbin bil-pipi f'24 siegħa).