Ngħinu 'l uliedna jikkontrollaw il-piż

Il-piż żejjed fit-tfal u l- adoloxxenti hi marda li għandha tittieħed bis-serjetà minħabba l-konsegwenzi ħżiena fuq is-saħħa fiżika u emozzjonali tagħhom. Il-ġenituri għandhom rwol ewlieni biex jgħinu ‘l uliedhom jikkontrollaw il-piż billi jderruhom jieklu ikel bnin u bil-qies, u jinkoraġġuhom ikunu aktar attivi.

DRAWWIET TAL-IKEL 

o Qassam l-ikel matul l-ġurnata (kolazzjon, żewġ ikliet ewlenin, u żewġ snacks jew tlieta bejniethom); importanti ħafna li tinkludi l-kolazzjon kull filgħodu. Evita t-tnaqqir.

o Isservix porzjonnijiet kbar ta’ ikel; tisforzax lit-tfal jieklu kollox u jlaqqtu l-platt.

o Tużax l-ikel jew il-ħlewwiet bħala premju jew biex tikkontrolla l-imġieba tat-tfal.

o Ara li fid-dar ikun hemm snacks tajbin bħal jogurt, frott, frott imnixxef u lewż, imma mhux crisps, ħelu, ċikkulata, pasti, kejkijiet u gallettini.

o Sakemm jista’ jkun il-familja għandha tinġabar għall-ikel flimkien. L-ikel m’għandux jittieħed quddiem it-TV, kompjuter jew video game.

o Tmorrux ta’ spiss f’ristorant fast-food.

o Agħti lunch tajjeb għall-iskola, u ddiskuti mat-tfal x’ikel tajjeb jistgħu jixtru mill-iskola, u biex jiskartaw it-Take Away u d-doughnuts huma u ġejjin lura d-dar.

IT-TISJIR

o Sajjar fil-forn, mixwi fuq il-grill, mgħolli, steamed u fuq il-fwar, imma mhux moqli fiż-żejt. Il-qali jżid ħafna l-kaloriji għax l-ikel jassorbi ħafna żejt.

o Involvi t-tfal fl-għażla ta’ ikel mill-ħanut u waqt il- ħin tat-tisjir.

GĦAŻEL IKEL BNIN

o Ħames porzjonijiet kuljum - tnejn ta’ ħaxix u tlieta ta’ frott; eż. tuffieħa, banana, smoothie, insalata u soppa.

o Naqqas l-użu tal-patata, speċjalment moqlija.

o Żid aktar fibra. Minflok ħobż u dqiq abjad, għażel ħobż u dqiq wholemeal, għaġin integrali, barley u ross ismar. Għażel ċereali għall-kolazzjon li fihom 3g jew aktar ta’ fibra f’kull porzjon ta’ 30g.

o Minn sentejn ‘l fuq uża ħalib semi-skimmed jew xkumat (fihom l-istess ammont ta’ kalċju).

o Agħżel laħam dejf. Neħħi x-xaħam żejjed mil-laħam u l-ġilda tat-tiġieġa. Iż-żalżett, salami u l-burgers proċessati jista’ jkun fihom ħafna xaħam u melħ. Għamel burgers, meat balls u pulpetti bil-laħam dejf ikkapuljat.

o Inkludi l-ħut darbtejn fil-ġimgħa jew aktar.

o Il-ful, baked beans, fażola, piżelli, ċiċri u għazz huma sors tajjeb ta’ protejini, ħadid, vitamini u fibra. Użahom regolarment fit-tisjir, insalata u sopop.

o Evita ikel xaħmi bħall-qali, pastries, pastiżżi, crisps, kejkijiet, pasti u ċikkulata. Uża anqas butir u marġerina. Mal-insalata uża low-fat dressing jew żejt taż-żebbuġa minflok mayonnaise.

o Naqqas l-ammont ta’ zokkor u ħlewwiet; kultant tista’ tagħti lit-tfal xi ħaġa tal-ħelu bħal biċċa ċikkulata żgħira jew żewġ gallettini.

IX-XORB

o Elimina soft drinks, squashes, sensations, ice tea, energy drinks, getorade u ħalib tal-kulur. L-ilma frisk huwa l-aħjar xarba.

o Darba kuljum tista’ tagħti larinġ magħsur frisk, smoothie jew sa 100 ml meraq tal-frott (evita fruit drinks biz-zokkor miżjud).

ATTIVITÀ FIŻIKA

L-attività fiżika tgħin biex it-tfal jikkontrollaw il-piż, u biex ikunu b’saħħithom u fuq tagħhom.

o Illimita il-ħin quddiem l-iscreen tat-TV, video games u kompjuter għal madwar siegħa kuljum. Għin lit- tfal jiskopru attivitajiet oħra biex iqattgħu l-ħin liberu f’logħob, qari, pittura, għajnuna fid-dar, fil- ġnien, u fil-ħasil tal-karozza.

o Ħalli t-tfal jilagħbu, jiġru u jiddevertu fid-dar u barra. Tfal zgħar jieħdu ġost il-playing field; tfal akbar jieħdu ġost il-baħar, passiġġata fil-kampanja, ġiri bir-rota jew xi logħba bil-ballun.

o Ħajjar it-tfal jidħlu f’xi grupp bħall-iscouts, futbol, netball, gym jew żfin.

o Jekk trid li wliedek ikunu attivi, kun attiv inti wkoll. Fejn tista’ mur bil-mixi mhux bil-karozza. Uża t- taraġ minflok il-lift. Kun ta’ eżempju tajjeb għalihom.

Is-soluzzjoni għall-piż żejjed mhix faċli - imma mhix impossibbli. Din il-problema tintrebaħ billi bħala familja ndaħħlu bidliet żgħar bil-mod il-mod fid-dieta u d-drawwiet tal-ikel, u billi nitgħallmu nkunu aktar attivi. Il-familja kollha jeħtieġ tieħu sehem fi stil ta’ ħajja aħjar.