Ħosba (Measles)


Il-ħosba (measles) hi marda infettiva kkawżata minn virus. Il-ħosba tista' tkun marda serja, speċjalment fit-trabi u tfal żgħar. Sikwit ikun hemm bżonn kura fl-isptar.

L-ewwel sintomi jinkludu deni għoli ħafna (sa 104F jew 40C); sogħla, għajnejn ħomor u jdemmgħu. Erbat ijiem wara joħroġ raxx fuq il-ġilda. Ir-raxx jibda wara l-widnejn u fil-wiċċ imma imbagħad jinfirex l-isfel mal-ġisem kollu.

Il-pazjent jibda jxerred il-mikrobu minn erbgħat ijiem qabel joħroġ ir-raxx sa erbgħat ijiem wara. L-ewwel sintomi tal-marda jitfaċċaw bejn ġimgħa u ġimgħatejn wara li tkun ħadt il-mikrobu. Il-marda tittieħed mill-arja u minn oġġetti kontaminati bil-virus.

Komplikazzjonijiet

Il-virus tal-ħosba jattakka ċ-ċelloli tas-sistema immunitarja u għalhekk jista’ jkun hemm diversi komplikazzjonijiet:
  • Infezzjoni fil-pulmun
  • Infezzjoni fil-widna
  • Aċċessjonijiet tad-deni
  • Dijareja
  • Myocarditis (infjammazzjoni fil-qalb).
  • Enkefalite (infezzjoni tal-moħħ li tista’ twassal għall-ħsara fil-moħħ u mewt)
  • Subacute sclerosing panencephalitis (SSPE) li twassal għal diżabilità serja u l-mewt.
Żewġ persuni minn kull elf imutu minkejja l-aħjar kura li jingħataw.

Prevenzjoni

F'diversi pajjiżi sikwit ikun hemm outbreaks tal-ħosba. Il-ħosba qatlet 82 tfal u adulti fl-Ewropa fl-2018. Kultant ikun hemm xi każijiet ta' ħosba f'Malta, imma s'issa mhux qed ikun hemm tixrid tal-marda.

It-tilqima tal-MMR (measles, mumps u rubella) tipproteġi t-tfal kontra il-ħosba (kif ukoll il-gattone u l-ħosba ġermaniża). It-tilqima hi safe. Ir-riċerka turi ċar li m'hemm ebda rabta bejn it-tilqima u l-awtiżmu.

It-tilqima tingħata f'darbtejn. F'Malta l-ewwel doża tingħata ta' 13-il xahar u t-tieni ta' 3 snin. Il-ġenituri jistgħu jċemplu l-Health Centre jew lit-tabib tat-tfal tagħhom jekk qatt ma ħadu t-tilqima jew il-booster.

L-ewwel doża tal-MMR tagħti 93% protezzjoni kontra l-ħosba; żewġ dożi tal-MMR jagħtu 97% protezzjoni. (Ref).

Aktar tagħrif dwar it-tilqima tal-MMR ara hawn.

Disclaimer

L-informazzjoni f'dan il-blogg hi maħsuba biss bħala tagħrif ġenerali dwar is-saħħa tat-tfal, u m'għandhiex titqies bħala parir mediku. Jekk it-tifel jew it-tifla tiegħek ma jifilħux, jew jekk għandek xi mistoqsija fuq saħħithom, ħu t-tifel jew it-tifla għand it-tabib biex jagħtik parir professjonali.