It-tbenġil fit-tfal


Meta jitilqu jimxu u jkunu aktar attivi, t-tfal żgħar jinbarxu u jitbenġlu ta’ spiss peress li jaħbtu u jaqgħu. L-aktar postijiet komuni huma l-qasba ta’ saqajhom, l-irkoppa, il-minkeb u fuq moħħhom. Dan huwa normali u m’hemm bżonn ebda kura speċjali jew testijiet.

It-tbenġil jgħaddi waħdu fuq perjodu ta’ ġimgħa. Il-kulur jinbidel minn blù skur, għal aħdar jew safrani, sakemm tiċċara għal kollox.

Xi trabi jitwieldu b’dabra skura fuq il-warrani jew id-dahar. Din hi birth mark (mongolian blue spot), mhux tbenġila; din ġieli tiċċara maż-żmien u ġieli tibqa' tidher.

Tarbija tat-twelid jista' jkollha tbenġila jew nefħa fil-wiċċ jew fir-ras; dawn issoltu jitilqu weħidhom fi ftit jiem.

Fit-tfal akbar, f’każ ta’ ħabta jew waqa’, tista’ tapplika cold pack (bħal borża tal-piżelli) mgeżwer f’sarvetta fuq it-tbenġila għal madwar 15-il minuta; agħti ftit paracetamol għall-uġigħ, u kellem tabib.

It-tbenġil jista’ jkun ukoll sinjal ta’ mard u problemi oħra:
  • Jonqos in-numru ta’ platelets fid-demm (il-platelets huma ċelloli żgħar li jgħinu biex iwaqqfu t-tnixxija tad-demm). L-aktar kawża komuni hija ITP (immune thrombocytopaenia purpura) – kundizzjoni li fit-tfal ssoltu tgħaddi fi ftit xhur. Kawża oħra rari hija l-leukaemia u aplastic anaemia.
  • Kundizzjonijiet li jintirtu (bħal haemophilia jew Von Willebrand disease).
  • Abbuż fiżiku, speċjalment fuq trabi u tfal żgħar.
Kellem tabib tat-tfal f’dawn iċ-ċirkostanzi
  • Tfal morda bid-deni u tbenġil jew raxx ħamrani skur li meta tagħfsu b'tazza tal-ħġieġ ma jiċċarax. Ara l-video hawn taħt.
  • Tbenġil f’tarbija ta’ età anqas minn sena.
  • Ħafna tbenġil, jew tbenġil kbir, mqabbeż jew idum aktar minn ġimgħatejn biex jiċċara.
  • Meta t-tifel jitbenġel mix-xejn, jew jinfaraġ ta’ spiss u d-demm idum ħafna ma jieqaf.
  • It-tifel ikun marid, għajjien, bid-deni jew uġigħ f’għadam.
  • Xi ħadd fil-familja għandu kundizzjoni ġenetika bħal haemophilia.
It-tabib jeżamina lit-tfal bit-tbenġil, u jekk ikun hemm bżonn isiru wkoll testijiet biex tkun determinata l-kawża.