Il-ġidri r-riħ


Il-ġidri r-riħ (chickenpox, varicella) hu infezzjoni komuni fit-tfal ikkawżata minn virus (varicella-zoster virus, VZV). Tinxtered faċilment speċjalment jekk it-tfal ikunu flimkien, ngħidu aħna fil-klassi tal-iskola.

Normalment il-ġidri hi marda ħafifa imma kultant tkun aktar gravi, b’ħafna ħakk, uġigħ u deni. Ġieli jkun hemm komplikazzjonijiet bħal infezzjoni fil-pulmun, infezzjoni fil-ġilda, u infjammazzjoni fil-moħħ. Waqt it-tqala l-virus jista’ jaffettwa l-iżvilupp tat-tarbija fil-ġuf. Jekk l-omm toħroġ il-ġidri fiż-żmien tat-twelid, it-tarbija tista’ tiżviluppa infezzjoni qawwija ħafna.

Tixrid

Il-marda tittieħed minn tfal oħra morda bil-ġidri r-riħ u minn adulti li għandhom il-ħruq ta’ Sant'Antnin (shingles). Tixtered mill-arja (għatis jew sogħla), u b’kuntatt mal-ġilda, ħwejjeġ u oġġetti kkontaminati. Il-virus jibda jinxtered minn ġurnata qabel joħorġu l-ewwel ponot u sakemm jinxfu kollha.

Sintomi

L-ewwel sintomi jibdew bejn għaxart ijiem sa tlett gimgħat minn meta tkun espost għall-virus. Il-ġidri jidher bħala raxx fuq il-wiċċ, is-sider u d-dahar, u jinfirex 'l isfel lejn iż-żaqq, l-idejn u r-riġlejn. Ir-raxx jibda bħala dbabar u ponot ħomor li jsiru bżieżaq ċkejkna, u fl-aħħar jinfaqgħu u jinxfu. Ir-raxx jista’ jidher ukoll fil-ħalq, il-ġilda tar-ras, madwar l-għajnejn u l-ġenitali, u jista' jkun iweġġa’. Ir-raxx idum bejn ġimgħa u għaxart ijiem sakemm jgħaddi. Sintomi oħra jibdew ġurnata jew tnejn minn meta jitfaċċaw l-ewwel ponot, u jinkludu deni, ħedla, nuqqas ta’ aptit, u uġigħ ta’ ras.

Kura

Kellem tabib jekk taħseb li it-tifel jew it-tifla għandhom l-ġidri. It-tabib jikkonferma d-dijanjosi u jagħtik il-kura meħtieġa. Il-kura tinkludi paracetamol għall-uġigħ u deni (evita ibuprofen minħabba riskju żgħir ta' reazzjoni qawwija fil-ġilda), mediċina kontra l-ħakk (anti-histamines), u lotion biex tnaqqas il-ħakk. Mhux meħtieġ antibijotiku ħlief jekk il-ponot ikunu infettati jew jekk ikun hemm infezzjoni fil-pulmun.

Aqta’ d-dwiefer qosra biex it-tfal ma jħokkux għax jistgħu jinfettawx il-ponot jew jibqgħu mmarkati. Żomm il-ġilda nadifa billi tagħti banju kuljum u wara applika l-lotion.

Erġa’ kellem it-tabib jekk il-ponot jidhru infettati; id-deni jkun għoli (39°C); d-deni jibqa’ għal aktar minn erbat ijiem; sogħla jew nifs mgħaġġel; tikek ħomor u tbenġil; uġigħ fl-għonq; telqa kbira u thewdin; u jekk tara li l-kundizzjoni sejra għall-agħar.

Prevenzjoni

L-aħjar mod kif tevita l-marda huwa permezz tat-tilqima (Varilrix jew Varivax). Tingħata f’darbtejn. Tista’ tinbeda meta t-tarbija tagħlaq sena u f’kull età oħra. (Aktar tagħrif fuq it-tilqima: link).

Il-pazjent marid bil-ġidri għandu joqgħod 'il bogħod minn persuni oħra, speċjalment minn trabi, nisa tqal u persuni b'immunità dgħajfa, biex tnaqqas it-tixrid tal-marda. Tibgħatx it-tifel l-iskola qabel jinxfu l-ponot kollha.