Hay fever

 

Il-hay fever (jew allergic rhinitis) hi kundizzjoni allerġika fl-imnifsejn, l-għajnejn, il-griżmejn, is-sinuses u l-widnejn.

Madwar 20% tat-tfal ibatu b'din il-kundizzjoni. Tista' taffetwa ħażin il-kwalità tal-ħajja u għalhekk huwa importanti li ssir dijanjosi u tingħata kura effettiva.

SINTOMI

Is-sintomi tal-hay fever jinkludu:
  • Għatis ta’ spiss, speċjalment filgħodu.
  • Flissjoni ċara.
  • Mnifsejn misdudin u nifs mill-ħalq.
  • Ħakk fl-imnieħer, griżmejn u s-saqaf tal-ħalq.
  • Għajnejn ħomor, idemmgħu u ħakk (allergic conjunctivitis)
  • Il-hay fever tista’ twassal għal irqad ħażin, għejja u ħedla matul il-jum, u problemi fl-imġieba u fit-tagħlim fit-tfal. Il-hay fever jista’ jkun assoċjat ukoll mal-ażma u mal-adenoids ('laħam ħażin' wara l-imnifsejn).
KAWŻI

Dawn it-tfal ikunu sensittivi għal ħafna affarijiet, fosthom:
  • Il-pollen (tas-siġar, ħaxix, fjuri, speċjalment fir-Rebbiegħa).
  • House dust mites (dud mikroskopiku li jgħixu fuq il-ġilda u jinstabu fit-trab u l-għabra).
  • Il-pil tal-annimali bħal qtates u klieb.
  • L-ispori tal-moffa.
  • Duħħan tas-sigarretti.
  • L-allerġija staġjonali (l-aktar fir-Rebbiegħa) tiġi l-aktar mill-pollen tas-siġar. Oħrajn ibatu bl-allerġija s-sena kollha (perenni) peress li jkunu sensittivi għall-house dust mite, l-annimali u l-moffa.
DIJANJOSI

It-tabib jasal għall-dijanjosi billi jistaqsi dwar is-sintomi u jeskludi possibilitajiet oħra, bħal irjieħat u adenoids. Kultant ikun bżonn testijiet tal-allerġija fil-ġilda biex wieħed jidentifika eżatt il-kawża tal-allerġija.

KURA

Il-hay fever ma tistax titfejjaq imma tista’ tiġi kkontrollata.

Sakemm ikun possibbli wieħed irid jevita dawk il-ħwejjeġ li jikkawżaw l-allerġija, fosthom is-sigarretti.

Il-kura medika tinkludi:
  • Mediċina antihistamine tittieħed darba kuljum filgħaxija bħala mistura (peress li għall-bidu tista’ tħeddel xi ftit), u għandha tittieħed fit-tul. Aħsel is-snien wara li tagħti l-mediċina.
  • Sprej tal-isteroids fl-imnifsejn. Peress li d-doża tal-isteroid hi żgħira u hi applika fl-imnifsejn biss, is-side effects huma minimi.
  • Taqtir antihistamine fl-għajnejn.