Il-vitamina D

Għalfejn hi meħtieġa l-vitamina D?

Il-vitamina D hi meħtieġa biex l-għadam ikun b’saħħtu. Din il-vitamina tgħin il-ġisem jassorbi il-kalċju u fosfru mill-ikel, li huma minerali essenzjali għall-għadam. Il-vitamina D għandha wkoll funzjoni importanti fis-sistema immunitarja u għas-saħħa tal-muskoli.

X’jiġrilhom it-tfal jekk ikollhom nuqqas ta’ vitamina D?

In-nuqqas ta’ vitamina D jwassal biex l-għadam jirtab, jiddgħajjef u jitgħawweġ. Fit-tfal din il-kundizzjoni tissejjaħ ‘rickets’. It-tfal jista’ jkollhom livell baxx ta’ vitamina D fid-demm avolja ma jkollhomx sintomi.

It-tfal kif jiksbu l-vitamina D li għandhom bżonn?

Il-ġisem jikseb il-vitamina D mill-ikel u mix-xemx. Kuntrarju għal dak li jaħsbu ħafna ġenituri, il-ħalib pasturizzat mhux sors tajjeb ta’ vitamina D. L-aħjar sorsi fid-dieta ta’ vitamina D huma l-ħut żejtni (bħas-salamun u tuna) u l-bajd. Il-vitamina D tiżdied ukoll ma’ xi ikel (bħal xi ċereali tal-breakfast u marġerina). Il-ħalib tal-formula tat-trabi fih biżżejjed vitamina D.

X’iwassal għal defiċjenza ta’ vitamina D?

In-nuqqas ta’ vitamina D qed issir problema aktar komuni fit-tfal u l-kbar minħabba l-istil ta’ ħajja tagħna. It-tfal qed jqattgħu anqas ħin barra, u aktar ħin jilgħabu ġewwa, u għalhekk mhux qed ikunu esposti għax-xemx.

X’inhuma r-rakkomandazzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa?

Id-Dipartiment tas-Saħħa tar-Renju Unit jagħti dawn il-pariri:
  • It-trabi li qed jixorbu ħalib tal-omm għandhom jingħataw sa 10 mcg (400 IU) ta' vitamina D, mit-twelid sakemm ikollhom sena.
  • It-trabi li qed jixorbu aktar minn nofs litru ħalib tal-formula kuljum m’għandhomx bżonn jingħataw vitamina D peress li dan il-ħalib diġà fih biżżejjed vitamina D.
M'għandniex rakkomandazzjonijiet uffiċjali mid-Dipartiment tas-Saħħa ta' Malta dwar il-vitamin D. Kellem lit-tabib tat-tfal tiegħek għal parir, speċjalment f’dawn iċ-ċirkostanzi:
  • Tarbija li qed tixrob ħalib tal-omm.
  • Tfal li ma jiklux varjetà kbira ta’ ikel (‘fussy eaters’).
  • Tfal żgħar li ma tantx jaraw xemx.
  • Tfal b’ġilda skura.
  • Tfal li qed jieħdu mediċini fit-tul.
Kif niproteġi lit-tfal mix-xemx?

Huwa tajjeb li nipproteġu t-tfal minn xemx żejda peress li din tista’ tagħmel ħsara l-ġilda u żżid ir-riskju ta’ kanċer fil-ġilda. Għalhekk it-trabi m’għandhomx jitħallew direttament fix-xemx. It-tfal żgħar għandhom jilgħabu fix-xemx għal ftit ħin kuljum. Ara li l-ġilda tagħhom ma tiħmarx u ma tinħaraqx bix-xemx. Uża lbies protettiv, sunblock u ara li jevitaw l-eqqel tax-xemx speċjalment fis-sajf.
Fil-qosor
  • Il-vitamina D hija nutriment essenzjali għas-saħħa tal-għadam tat-tfal.
  • Xi trabi u tfal żgħar huma f’riskju ta’ nuqqas ta’ vitamina D.
  • Dawn it-tfal jibbenefikaw minn suppliment ta’ vitamina D kuljum.
Referenzi
  • Vitamin D in the Healthy European Paediatric Population, ESPGHAN, 2013. Link
  • Global Consensus Recommendations on Prevention and Management of Nutritional Rickets, 2016. Link
  • Vitamin D, NHS UK. Link
  • Vitamin D. AAP USA. Link
Ħajr lil Dr John Torpiano, Consultant Paediatric Endocrinologist, għall-għajnuna u l-pariri tiegħu.

Updated, Mejju 2018.