Il-bajda għat-tarbija


Il-bajda għandha valur nutrittiv enormi għat-tarbija u għat-tfal billi tipprovdi proteina ta' kwalità għolja, ħadid, vitamini (speċjalment folic acid, vitamina B12 u vitamina D), choline, lutein u omega-3.

Fil-passat kien jingħad li l-bajda għandha tinbeda meta t-tarbija tagħlaq sena. Fil-fatt m’hemm ebda vantaġġ li tistenna daqshekk biex tintroduċi ikel tant nutrittiv. Bl-ebda mod ma tnaqqas ir-riskju ta' allerġija billi tiddawwar biex tibda l-bajda. Għal kuntrarju, ir-riskju ta' allerġija jonqos meta l-bajda tinbeda kmieni.

Meta t-tarbija jkollha sitt xhur jew aktar, u tkun drat tiekol il-ħaxix u frott, inkludi fit-dieta tat-tarbija varjetà sħiħa ta' ikel ieħor bħal jogurt, laħam, ħut, tiġieġ, għaġin, ross, jogurt u bajd.

Fil-prattika tajjeb tintroduċi l-bajda meta t-tarbija tkun tgħallmet tiekol l-ikel bil-biċċiet (meta jkollha madwar 8 xhur). Tista' tagħti l-abjad u l-isfar flimkien. L-ewwel darba agħti kuċċarina jew tnejn biex tikkonferma li t-tarbija mhix allerġika għall-bajd. F'każ ta' allerġija (raxx, nefħa jew biki żejjed), kellem lit-tabib.

Tista' toffri l-bajda mgħollija iebsa u mqatta' biċċiet, scrambled, froġa jew bħala parti mill-ikel (ngħidu aħna, mar-ross il-forn, pulpetti jew soppa tal-armla).

Il-bajda trid tkun msajjra sewwa minħabba r-riskju ta’ infezzjoni bis-salmonella. Qatt m'għandek tagħti bajd nej jew ikel li fih bajd nej (bħal sorbet) jew imsajjar ħafif.

Il-bajda, f'xi forma jew oħra, tista’ tingħata kuljum.