Tummy time



Il-ġenituri jafu li għandhom iraqqdu lit-tarbija fuq daharha sabiex jipproteġuha minn cot death. Forsi ma japprezzawx kemm huwa imporanti li t-tarbija tqatta’ wkoll ħin fuq żaqqha (tummy time) meta tkun mqajjma.

Peress li t-tarbija tagħmel ħafna ħin b’rasha tagħfas mas-saqqu, in-naħa ta’ wara jew il-ġenb tar-ras taf tiġi ċatta (brachycephaly jew plagiocephaly). It-tummy time jgħin biex tippreveni u tissolva din l-problema aktar malajr.

Barra minn hekk, meta tkun fuq żaqqha t-tarbija tibda tgħolli geddumha, rasha u aktar tard tintrefa' fuq dirgħajha. Dan l-eżerċizzju jsaħħaħ il-muskoli tal-għonq, id-dahar u l-ispallejn. Dan jgħinha biex tibda twaqqaf rasha, titgerbeb, tpoġġi bilqiegħda u titkaxkar (‘crawling’). Il-muskoli tal-għajnejn ukoll jissaħħu waqt li t-tarbija tkun tħares ‘l hawn u ‘l hemm meta tkun fuq żaqqha.



Tips Prattiċi
  • Ibda t-tummy time mill-ewwel ġimgħa li tieħu t-tarbija d-dar. Ibda bi ftit minuti biss, diversi drabi kuljum. 
  • Għall-bidu tista' tuża n-nappy changer (is-sodda mhix tajba peress li hi ratba wisq). Dawwar it-tarbija fuq żaqqha b'dirgħajja 'l quddiem. B'id waħda żommha mill-patata (biex tħossha soda), waqt li tkellimha u tmissha b'idek l-oħra.
  • Sib ħin meta t-tarbija tkun svelta u għandha aptit tilgħab. Evita l-ħin immedjatament wara li tkun xorbot (għax ittella' l-ħalib) jew jekk tkun għajjiena u mqanżħa. Ħu l-opportunità meta tibdel l-ħarqa biex iddawwarha ftit fuq żaqqha.
  • Żid il-ħin u s-sessjonijiet bil-mod il-mod sakemm b’kollox tilħaq madwar siegħa kuljum.
  • Meta t-tarbija jkollha ftit ġimgħat l-aħjar post fejn tagħmel it-tummy time huwa fl-art. Qiegħed kutra jew tapit nadif fl-art, u poġġi t-tarbija fuq żaqqha. Tħallihiex weħidha. Inżel mal-art għall-livell tagħha. Oqgħod magħha biex tieħu ħsiebha u biex tilgħabu flimkien. Kellimha, idħqilha, kantalha, u uriha u ċekċek xi ġugarell. 
  • Jekk hemm aħwa akbar, ħallihom jilgħabu mat-tarbija waqt it-tummy time, dejjem taħt superviżjoni.
  • Xi trabi jippreferu li jkollhom ftit sapport taħt sidirhom (ngħidu aħna xugaman mgerbeb jew imħadda żgħira).
  • Minbarra tummy time, meta tkun imqajjma erfa' t-tarbija fuq dirgħajk u qegħdha wkoll żaqqha miegħek. Dan ukoll jgħin biex inaqqas il-ħin li t-tarbija tqatta' fuq daharha, iservi wkoll biex tibnu rabta ma' xulxin u jgħin l-iżvilupp soċjali.
Xi trabi jiddejjqu fuq żaqqhom, forsi għax ma jkunux mdorrijin. Għalhekk ibda bi ftit ħin, u żid it-tummy time bil-mod fil-ġimgħat ta’ wara. Aljena t-tarbija billi tkellimha, tidħqilha, tkantalha u turija ġugarelli. Meta tara li t-tarbija qed tiddejjaq, ieqaf, u erġa' pprova ħin ieħor. It-tummy time għandu jkum ħin pjaċevoli.

Nappella lill-ġenituri biex jinkludu tummy time fir-rutina tat-tarbija tagħhom u b’hekk jgħinuha tissaħħaħ u tiżviluppa aħjar.

Updated February 2022.