Pariri dwar it-tilqim tat-tfal


Dawn huma ġabra ta' pariri prattiċi għall-ġenituri rigward it-tilqim ta' wliedhom.

Tilqim

Il-gvern jagħti b'xejn diversi tilqimiet: Hexyon (six-in-one) (difterite, tetnu, sogħla konvulsiva, poljo, Hib, hepatitis B); Bexsero (men B); Nimenrix (men ACWY); Synflorix (pneumococcus); MMR (mumps, measles u rubella); HPV (lit-tfajliet).

Nagħti parir lil ġenituri sabiex jikkonsidraw ukoll li jagħtu t-tilqim kontra r-rotavirus, hepatitis A u chickenpox (ġidri r-riħ).

Appuntament
  • It-tilqim jinbeda meta t-tarbija jkollha xahrejn. Il-ġenituri jistgħu jagħżlu jekk jagħtux it-tilqim tal-gvern fiċ-Ċentru tas-Saħħa jew għand it-tabib tat-tfal tagħhom (iħallsu l-miżata tat-tabib imma ma jħallsux għat-tilqim).
  • Immarka fil-kalendarju l-appuntamenti li jkun imiss biex ma tinsiex.
  • Informa l-klinika jekk għal xi raġuni ma tkunx se tattendi.
  • Ħu ċ-ċertifikat tat-twelid u l-ktejjeb tat-tarbija miegħek biex jitniżżlu t-tilqim fih, u jkollok rekord tat-tilqim kollu. It-tabib jinforma wkoll in-National Immunisation Services bit-tilqim li jingħata fil-privat.
Qabel it-tilqima
  • It-tilqima tingħata fil-koxxa tat-tarbija - tlibbishiex ħafna ħwejjeġ ġoffi. Meta jagħlqu sena t-tilqima tingħata fid-driegħ -- evita 'polo neck' u kmiem twal u ssikkati.
  • Iċċekkja t-temperatura tat-tarbija qabel tmur il-clinic, imma tagħtix paracetamol minn qabel.
  • Idealment it-tarbija ma tkunx bil-għatx jew għajjiena qabel it-tilqima.
  • Jekk it-tfal ikunu morda bid-deni, ma jifilħux sew jew jekk ikunu qed jieħdu xi steroids, ikun aħjar li t-tilqima tkun posposta. Jekk ikollhom sintomi ħfief ta' riħ, it-tilqima tista' tingħata xorta waħda. 
  • Għid minn qabel lit-tfal kbar li se jieħdu tilqima. Aħjar ikunu ppreparati.
Waqt t-tilqima
  • It-tfal iħossuk jekk tkun nervuża. Żomm kalma biex it-tfal ma jibżgħux u jikkalmaw huma wkoll.
  • Żomm it-tifel jew it-tifla sewwa kif tgħidlek in-ners jew it-tabib. Jekk tiddejjaq jew tibża', ħalli f'idejn ħaddieħor.
  • Kun onesta mat-tfal. Aħjar tgħidilhom li se jħossu tingiża żgħira, milli tgħidilhom li mhux se jiġri xejn.
  • Fi ftit mumenti titnaddaf il-ġilda bl-alcohol u tingħata t-titqiba. Jekk ikun se jingħataw żewġ tilqimiet jew tlieta, l-aħjar li jingħataw immedjatament wara xulxin biex tkun weġgħa waħda.
  • Meta tingħata t-tilqima, erfa' t-tarbija fi ħdanek u kellimha bil-ħlewwa. It-tarbija ssoltu tieqaf tibki fi ftit ħin. Toddlers jistgħu jkunu aljenati b'xi ġugarell. Assigura t-tfal akbar li huma lesti u l-uġigħ dalwaqt imur.
Wara t-tilqima
  • Neħħi l-istikka wara xi siegħa.
  • Osserva t-tarbija u t-tfal wara t-tilqima. Fl-ewwel 24 siegħa jista' jitla' ftit deni u jistgħu jkunu xi ftit imdejqin bl-uġigħ. It-trabi ġieli jorqdu aktar mis-soltu. It-tilqima tal-MMR tista' tagħti deni minn seba' sa għaxart ijiem wara.
  • Agħti paracetamol jekk ikollhom is-sintomi biss. Tista' terġa' tagħti paracetamol wara erba' sigħat jekk ikun hemm bżonn. Għat-tilqima tal-Meningococcus B (Bexsero jew Trumenba), it-tabib jgħidlek biex tagħti l-paracetamol biex tilqa' għall-uġigħ u d-deni.
  • Kellem it-tabib jekk is-sintomi jippersistu, jekk ikun hemm xi nefħa jew ħmura fejn tkun ingħatat it-tilqima, jew jekk t-tarbija tihder marida. (Kultant jinzerta li t-tfal jimirdu fl-istess żmien li jkun ħadu t-tilqima).
Ftakar li bit-tilqim inti qed tipproteġi lil uliedek minn mard serju. It-tilqim huwa sinjal ta' kemm tgħożżhom u tħobbhom.