Kif nixtieq li wliedi jiftakruni



It-tfal jikbru malajr wisq. L-opportunità tiegħi li nkun missier tajjeb għal uliedi hi llum. Għada jtiru mill-bejta (jew nitlaq jien mid-dinja).

X'memorji se jieħdu magħhom? Jien nixtieq li t-tfal jiftakruni hekk ...
  • Iħobb 'l martu | U kien jesiġi li aħna wkoll nirrispettaw lil ommna.
  • Iħobb il-familja | Kien ikun regolarment magħna fuq il-mejda tal-ikel, nistudjaw, nilgħabu, naqraw, il-knisja, noħorġu, inpinġu, nidħku, nsiefru u nitkellmu flimkien. Aħna konna l-mimmi t’għajnejh.
  • Jgħallimna | Bl-eżempju u l-kelma tiegħu, l-pà għallimna valuri morali u spiritwali tajbin, u perspettiva xierqa għall-ħajja.
  • Jiddixxiplinana | Kien sod meta jwiddibna imma ma kienx aħrax. Meta tana kastig kien ġust, għall-ġid tagħna u fuq kollox għax kien iħobbna.
  • Jinkoraġġina | Emmen fina u kien jistenna li nagħmlu ħilitna u naħdmu mill-qalb. Anki fil-fallimenti tagħna, kien il-wens u l-kuraġġ biex nerġgħu nqumu fuq saqajna. 
  • Jismagħna | Konna nħossuna komdi nitkellmu miegħu, ikun fuq xiex ikun, u kien jifraħ u jitnikket magħna.
  • Bieżel | Ħadem u stinka biex jiprovdi għall-bżonnijiet tal-familja. Imma ma kienx ikun dejjem ix-xogħol. Kien jaf jillimita l-ħin tax-xogħol u jaf jistrieħ ukoll, speċjalment il-Ħadd.
  • Umli | Kien jammetti l-fallimenti tiegħu, u anki jitlobna naħfrulu meta jiżbalja.
  • Jitlob | Kien jitlob waħdu kuljum. Kien jitlob magħna qabel l-ikel, qabel l-irqad u f’ħinijiet oħra. F’kull ċirkostanza, sabiħa jew kerha, l-ewwel ħsieb tiegħu kien lejn Alla.
  • Iħobb l-Iskrittura | Il-Bibbja kienet il-gwida tiegħu. Kien jaqraha privatament u kien jaqraha magħna u niddiskutuha flimkien.
  • Jibża’ minn Alla | Fuq kollox il-pà kien iħobb ‘l Alla. Il-Mulej kien kollox għalih. Għalina ħadem u talab sabiex aktar minn kollox aħna wkoll nesperjenzaw l-imħabba t’Alla fi Kristu.
Imma dan kollu għadu ma seħħx. Il-futur jibda llum.

Mulej, agħtini l-kuraġġ ninbidel, iggwidani u saħħaħni biex inwettaq fis-sħiħ is-sejħa ta’ missier! Agħmilni, Missier, riflessjoni tiegħek għal uliedi.