Breakfast għat-tarbija

X'nista' nagħti lit-tarbija tiekol għall-breakfast?

L-ewwel insemmu x'inhu l-aħjar li tevita. F'kelma waħda, evita cereals kummerċjali li huma ħelwin u fihom ħafna zokkor.

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa tirrakkomanda limitu ta' zokkor sa 10% tal-enerġija fl-ikel. Dan ifisser li l-parti l-kbira tas-cereals tat-trabi li nsibu Malta fihom wisq aktar zokkor milli rakkomandat.

Biex nieħdu eżempju, Cerelac Mixed Fruit and Milk fih 35g zokkor f'kull 100g: terz tal-prodott huwa zokkor. 33% tal-enerġija ġejja miz-zokkor, aktar minn tlett darbiet aktar milli rakkomandat mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa. (Il-kalkolazzjoni tihder isfel nett.)

Mela x'se nagħti lit-tarbija għal-breakfast?

Jien nissuġġerixxi li meta tkun drat tiekol il-ħaxix għal ħabta ta' nofsinhar, ibda il-frott, bħal tuffieħa, lanġasa jew banana, għall-breakfast. Tista' wkoll tħallat frott flimkien, u titfa' ftit spices bħal cinnamon jew ftit meraq tal-larinġ mal-frott.

Meta tibda ċ-ċereali għall-breakfast, għażel wieħed li fih anqas minn 10g ta' zokkor ('sugars' fin-nutritional information) għal kull 100g tal-prodott. L-oats huma għażla tajba. Ipprepara oats porridge billi ssajjar ftit oats mal-ħalib (tista' tuża l-ħalib li ssoltu tagħti lit-tarbija jew ħalib pasturizzat). Inkludi ftit frott miegħu (bħal berries, pruna, banana jew lanġasa).

Eventwalment it-tarbija tkun kapaċi tieħu 'weetabix' jew 'oatibix' bil-ħalib pasturizzat.

Meta t-tarbija tkun kapaċi tiekol ikel bil-biċċiet, tkun tista' tinkludi ikel ieħor għall-breakfast, per eżempju,
  • toast bil-peanut butter
  • scrambled egg jew froġa u toast
  • toast u baked beans
  • yogurt (plain) u biċċiet tal-frott
* * * 

Cerelac Mixed Fruit and Milk
Kemm fih kaloriji miz-zokkor?
  • Kull 100 g tal-prodott fih 424 kalorija
  • Kull 100 g tal-prodott fih 35 g zokkor.
  • Kull gramma zokkor fiha 4 kalorija.
  • Allura l-enerġija miz-zokkor hija 35 x 4 = 140 kalorija
  • Mela l-persentaġġ ta' kalorija miz-zokkor huwa 140/424 x 100 = 33%
Disclaimer

L-informazzjoni f'dan il-blogg hi maħsuba biss bħala tagħrif ġenerali dwar is-saħħa tat-tfal, u m'għandhiex titqies bħala parir mediku. Jekk it-tifel jew it-tifla tiegħek ma jifilħux, jew jekk għandek xi mistoqsija fuq saħħithom, ħu t-tifel jew it-tifla għand it-tabib biex jagħtik parir professjonali.